Uncategorized

  • Bruschetta

     Bruschetta kienet ikla fqira tar-raħħala Taljani.  Illum il-ġurnata saret tisserva fir-ristoranti kollha bħala antipasto.

    Hija magħmula minn biċċa ħobż li tkun mixwija, jew fil-forn jew fuq in-nar; bit-Taljan tissejjaħ bruscato.  Wara tista’ tagħmel fuqha kull ħaġa li tħobb.  Iżda l-aktar ingredjent importanti hu li ż-żejt li tuża’ jrid ikun żejt taż-żebbuġa extra virgin.  Inkella qatt ma hu se jkollok dik il-bruschetta b’togħma tassew bnina.

    Bħal f’kull ħaġa oħra fl-Italja kull reġjun għandu l-bruschetta tipika tiegħu.  L-aktar famużi huma dawn:

    Fir-reġjun tat-Toscana; iġifieri ġewwa Firenze u fil-bliet u rħula ta’ madwar tissejjaħ: fettunta jew panunto.  Meta l-biċċa tal-ħobż tkun għadha sħuna u tqarmeċ iħokkulha biċċa tewma, jagħmlulha ħafna żejt u jroxxu ftit bżar u melħ.  Din kienet l-ikla għal dawk li jaħdmu fl-egħlieqi.  Ġieli kienu jużaw anki ħobż xott u wara li jħokku t-tewma jiekluha flimkien ma’ xi biċċa zalzetta magħmul fid-djar.

    Fir-reġjun tal-Piemonte; iġifieriġewwa Torino u fil-bliet u rħula ta’ madwar tissejjaħ soma d’aj.  Wara li jixwu l-ħobż u jħokku ħafna tewm jagħmlu ħafna żejt, slices tat-tadam u jitwuha fi tnejn biex itġi qisha sándwich.  Din kienet l-ikla għal dawk il-ħaddiema li kienu jaqtgħu l-għeneb għal għasir.  Bħala deżerta kienu jieħdu ftit għeneb ħelu; minn dak li jużaw biex jagħmlu l-inbid dolcetto jew moscato.

    Kif kullħadd jaf l-Italja għandha forma ta’ boot u r-reġjun tal-Calabria qiegħed proprju fil-ponta.  Hemmhekk tissejjaħ fedda ruscia u wara li jixwuha kull ma jagħmlu hu li jferrxi ħafna żejt u jroxxu bżar, melħ u riegnu.

    Ġewwa Sqallija wara li jħokku t-tewm u jagħmlu ż-żejt fuqha jagħmlu wkoll sardin frisk, bużbież u biċċiet ta’ bżar aħmar jaħraq.  DinIl-bruschetta hija idejali għal dawk li jħobbu l-ikel pikkanti.  Jagħmluha wkoll billi wara li jħokku t-tewm iqattgħu ħafna tadam, kappar u ħwawar differenti bħal: ħabaq, nagħniegħ, riegnu u s’intendi l-bżar aħmar u ż-żejt ma jonqsux!!!