Cassata Siciliana
Din hija helu tipiku Sqalli imma popolari ħafna ġewwa Malta. Kull pajjiż Sqalli għandu l-mod tiegħu kif jippreżenta din il-Cassata. Hawn min jiksiha bin-naspru (fondant) ta’ kulur aħdar u jżejnuha bil-frott sħiħ maħmul konfettura u bir-royal icing. Hawn min jiksi id-dawra bil-pasta rjali ħadra u jagħmel il-wiċċ abjad. L-Isqallin jgħabbu l-ħelu b’ħafna zokkor u għal palat tal-Matin t-togħma tkun ħelwa żżejjed u ġieli tispiċċa biex iddardrek.
F’Malta niksuha b’mod differenti. Ġeneralment ma jintużax in-naspru, iżda tinkesa kollha bil-pasta rjali u ma tintużax konfettura.
Ingredjenti għal Cassata ta’ daqs 30cm.
sponge imsajra
ġamm tal berquq
600g irkotta
200g zokkor
200g konfettura
ftit krema friska
maraschino
pasta rjali ħadra
ċikkulata jew royal icing
ċirasa konfettura ħamra
ftit cornflour
Metodu
1. Ipprepara forma minn dawk taċ-ċinturin (spring form tin) ta’ 30cm iksiha bl-istretch and seal. Din it-tip ta’ forma tgħinek meta tiġi biex tneħħi l-cassata u tqegħda fuq platt.
2. Aqta biċċa sponge daqs tal-forma u poġġiha fil-qiegħ tal-forma. L-isponge trid tkun irqiqa. Dawwar il-ġnub tal-forma b’ biċċa sponge oħra.
3. Neħħi kemm tista zokkor minn mal-konfettura jew inkella naqqas mill-piz taz-zokkor.
4. Ġo bieqja qiegħed l-irkotta u għaffiġa tajjeb sakemm tiġi qisha krema. Żid iz-zokkor ix-xorb u ftit krema friska. Kompli ħaddem biex it-taħlita tiġi ħaġa waħda.
5. Żid il-konfettura mat-taħlita tal-irkotta. Erġa ħawwad.
6. Xarrab l-isponge li hemm fil-forma bi ftit xorb. Qiegħed it-taħlita ta’ l-irkotta fuqha.
7. Erġa aqta biċċa sponge oħra daqs tal-forma u poġġiha fuq l-irkotta. Bil-mod għafas ftit l-isfel. Xarrab il-wiċċ bix-xorb.
8. Qegħda fil-fridge għal mhux anqas minn sagħtejn.
9. Neħħi mill-forma u poġġiha fuq platt ċatt. Idlikha bil-ġamm tal-berquq.
10. Roxx FTIT cornflour fuq mejda u fuqha iftaħ il-pasta rjali. Iksi l-cassata biha. Aqta ż-żejjed li jkun hemm mal-ġnub u b’pinzell tal-kċina farfar il-cornflour li jista jkun hemm fil-wiċċ.
11. Żejjen bir-royal icing jew biċ-ċikkulata u biċ-ċirasa ħamra.