Charlotte Bavaroise

Ingredjenti

600 ml ħalib (full cream)
3 bajdiet
45g ġelatina trab
jew
10 folji ġelatina
150g zokkor
600 ml krema friska jew tal-pakett

Metodu

Qiegħed il-ħalib ġo kazzola u għamlu fuq in-nar sakemm jiftaħ jagħli. Meta jagħli neħħi minn fuq in-nar.
Ġo skutella ħaddem sewwa l-isfar tal-bajd u z-zokkor sakemm it-taħlita tiġi qisha krema.
Żid il-ħalib fuq it-taħlita ta’ bajd u zokkor. Ħawwad tajjeb biex l-ingredjenti kollha jitħalltu sewwa.
Qiegħed din it-taħlita ġo kazzola nadifa u poġġiha fuq in-nar baxx. Din it-taħlita ma tridx tagħli, iżda kemm tisħon. Sakemm it-taħlita tisħon trid tħawwad il-ħin kollu b’imgħarfa tal-injam.
Żid il-ġelatina filwaqt li tkompli tħawwad il-ħin kollu.
Jekk se tuża il-folji tal-ġelatina trid tagħmilhom ġo tazza bl-ilma sakemm jirtabu, u wara żżidhom mal-ħalib.
Meta tara li t-taħlita saħnet u l-ġelatina tħalltet tajjeb, neħħiha minn fuq in-nar u saffiha ġo skutella. Ħalliha tiksaħ.
Sakemm din tiksaħ qiegħed il-krema ġo skutella u ħaddimha tajjeb.
Ġo skutella nadifa qiegħed l-abjad tal-bajd u ħaddmu tajjeb sakemm jiġu xkuma.
Ma’ din l-ixkuma żid nofs il-krema flimkien mat-taħlita tal-ġelatina. Ħawwad tajjeb sakemm it-taħlita itġi ħaġa waħda.

Kif tibni c-Charlotte Bavaroise

Ingredjenti

krema li tkun għaddk kemm għamilt
swiss roll
ġamm tal-berquq

Metodu

  • Iksi skutella mdaqqsa bl-istretch and seal u ħalli ftit imdendla mal-ġnub biex tneħħiha mingħajr ma titħabat.
  • Aqta s-swiss roll fi slices imdaqsin u dawwarhom ma l-iskutella. Trid tħalli ftit slices għal wiċċ Trid tagħmel attenzjoni biex ma jkunx hemm spazju bejn slice u ieħor.
  • Imla bil-krema li tkun għamilt. Trid timliha sa fuq.
  • Iksi l-wiċċ bil-bqija tas-swiss roll.
  • Għamilha fil-friġġ għal mhux anqas mil-lejl. Għalhekk tkun ħaġa tajba jekk tagħmilha lejliet li tkun se sserviha.
  • Għamel ftit ġamm tal-berquq ġo skutella żgħira. Żid ftit ilma u ħawwad tajjeb sakemm il-ġamm idub.
  • Oħroġ ic-Charlotte mill-iskutella u poġġiha fuq platt ċatt kbir. Neħħi l-istretch and seal.
  • Idlek il-wiċċ bil-ġamm imdewweb biex b’hekk jiġi jleqq.
  • Żejjen ix-xfarijiet bil-krema friska.
Shopping Basket