Figolla

Il-figolla hija il-ħelu tradizzjonali għal żmien il-Għid. Nistgħu ngħidu li dan il-ħelu magħmul minn għaġina maqtugħa f’ forom differenti, mimlija bil-lewż u dekorata b’ ħafna kuluri huwa tipiku Malti. Hawn ħafna pajjiżi l-aktar ta’ madwar il-Mediterran li jagħmlu ħelu li jixbaħ ħafna lil figolla. Imma tista tgħid li kważi qatt ma jkunu mimlija bil-lewż u mżejna bħal tagħna.

F’Malta il-figolli jsiru fi kwantitajiet kbar, sew fil-familja u aktar u aktar mid-dulċiera li jew ibiegħu dawn il-figolli mil-ħwienet tagħħom jew inkella iqassmu lil ħwienet oħra. Il-figolla sservi wkoll biex jinġabru fondi għal missjoni jew karitajiet oħra. Dan għaliex ħafna voluntiera jaħmu u jżejnu mijiet ta’ figolli u l-qliegħ kollu li jsir mil-bejgħ tagħħom imur għal għan nobbli.

Dari l-aktar forom komuni li konna nsibu fil-figolli kienu: mara, raġel, ħuta, qalb, sirena, ħaruf u farfett. Illum insibu l-figolli jieħdu l-forom ta’ karattri li jkunu l-aktar popolari dak iż-żmien, u fil każ ta l-industrija jiġu ddekorati b’mod ferm professjonali saħansitra bl-air brush.

Barra mill-figolla mimlija bil-lewż insibu ukoll il-figolla magħmula minn għaġina ħelwa ħoxna u jew li ma tkunx iddekorata, jew inkella ikollha ftit disinn. Din forsi l-aktar li ssir biex tingħata b’xejn. Għalhekk il-prezz huwa l-aktar ħaġa mportanti u din ġeneralment tkun forma ta’ ħaruf li huwa abbinat ħafna ma’ l-Għid.

Ġeneralment il-figolli nżejnuhom ukoll bil-bajd taċ-ċikkulata. L-aħjar ħaġa hu li taħmi l-figolli mill anqas 5 t’ijiem qabel.

Kif Tagħmel il-Figolla

Ingredjenti

għaġina ħelwa

Għal-mili

300g lewż midħun (intrita pura)
220g zokkor
4 abjad tal-bajd
qoxra maħkuka ta’ lummija
essenza tal-vanilla
essenza tal-lewż

Metodu

1. Ipprepara l-għaġina ħelwa.

2. Biex tagħmel 4 figolli l-aħjar ħaġa hu li taħdem fuq 1440g dqiq. Dan ifisser li trid tagħmel tlett darbiet daqs ir-riċetta bażika li hemm fil-paġna . L-aktar ħaġa mportanti li trid tiftakar hu li dqiq irid ikun plain u la jkun self-rasing u lanqas iżżidlu l-baking powder. L iskop huwa li l-għaġina tal-figolla tiġi tqarmeċ bħal galettini u mhux tintefaħ u ssir ħoxna u tkun aktar qisha kejk milli għaġina frolla. Jekk iżżd il-baking powder l-għaġina tkun tidher sabiħa; iżda meta tibda tiekolha tibda tikber f’ ħalqek u ma tibqax tajba. Jekk tkun se tagħmel numru kbir ta’ figolli tista tipprepara l-għaġina anki minn tlett ijiem qabel. Geżwirha tajjeb jew fil-plastic jew fli-stretch and seal. Trid toħroġ l-għaġina mill-fridge ftit sigħat qabel tibda tużaha biex tilħaq tieħu temperatura tal-kamra.

3. Aqta biċċa għaġina daqs kemm ikollok bżonn biex tagħmel figolla waħda. Roxx ftit dqiq fuq il-mejda u iftaħ l-għaġina fuqu. Ma tridx tiftaħ l-għaġina rqiqa. Dan għaliex inkella tinkiser malajr. Ħu l-forma tal-figolla li se tuża u aqta biċċtejn għaġina biha.

4. Ħu pjanċa tal-forn u jew tidlikha bil-margarine jew inkella tagħmel biċċa baking paper. Fuqha qiegħed waħda mil-forom li tkun qtajt. L-oħra ħalliha fuq il-mejda.

5. Sakemm l-għaġina tkun qegħda tistrieħ lesti l-mili.

6. Ġo bieqja poġġi l-lewż, iz-zokkor, il-bajd, il-qoxra maħkuka ta’ lummija, il-ħwawar u l-bajd. Kompli ħaddem sakemm l-ingredjenti kollha jitħalltu tajjeb. It-taħlita ma trid tiġi maħlula għax inkella, waqt it-tisjir, toħroġ mill-ġnub tal-figolla.
7. Idlek ix-xfarijiet tal-figolla bl-ilma jew bil-bajd imħabbat. B’ attenzjoni kbira u bil-mod ibda poġġi l-mili fuq il-figolla.

8. Twassalx il-mili lejn ix-xfar ta’ l-għaġina; imma trid tħalli daqs ta’ 2cm mingħajr mili. Dan għaliex waqt it-tisjir joħroġ. Għal l-istess għan tagħmilix ħafna mili; għax inkella barra milli l-mili joħroġ l-għaġina tintefaħ u tinqasam mill-wiċċ.

9. Fuq dan il-mili qiegħed il-biċċa għaġina li tkun qtajt qabel. Trid tqegħda b’ attenzjoni kbira, għaliex trid tagħmilha eżatt xifer fuq xifer.

10. Kif tkun żgura li l-biċċtejn għaġina qegħdin eżatt fuq xulxin, għafas tajjeb bis-swaba biex ix-xfar jeħlu sew ma’ xulxin.

11. Jekk ikollok xi ftit għaġina żejda, ħu sikkina żgħira u neħħiha.

12. Sajjar fil-forn 1800C, Gas numru 4-5 għal madwar34-40 minuta

13. Meta l-figolla tkun saret irid ikollha kulur dehebi sabiħ.

14. Qabel ma tneħħi l-figolla mill-pjanċa trid tkun żgur li kesħet sew. Neħħiha u qegħda jew fuq il-mejda jew fuq xi tray biex tibda tipprepara sabiex tibda t-tiżjin.

15. Jekk il-forn tiegħek hu kbir biżżejjed tista ssajr aktar minn figolla waħda fl-istess ħin.

Kif iżżejjen il-figolla bin-naspru

Ingredjenti

Naspru
Kulur

Naspru huwa dak li bl-Ingliż jissejjaħ FONDANT. Dan huwa tip ta’ zokkor. Tista tagħmlu int imma jkollok bżonn termometru taz-zokkor. Biex tagħmlu barra milli trid ħafna ħin trid tagħmel attenzjoni kbira biex int u tagħmlu ma tweġġax.

In-naspru jinxtara ġo skutella żgħira.

Metodu

1. Qiegħed dan in-naspru ġo kazzola u miegħu żid żewġ imgħaref ilma. Poġġi fuq nar bati u ħawwad il-ħin kollu b’ imgħarfa ta’ l-injam. Jekk tara li jkun hemm bżonn neħħi minn fuq in-nar filwaqt li kompli tħawwad.

2. Meta n-naspru jkun lest irid jiġi ftit maħlul imma ma jridx jiġi likwidu ħafna qisu ilma. Jekk jisħon iżżejjed dan mhux biss idub ħafna; imma jiġi matt u meta tagħmlu fuq il-figolla jinqasm mill-wiċċ.

3. Importanti ħafna. Poġġi l-figolla jew fuq wire tray jew inkella fuq mejda nadifa.

4. Ibda iksi bin-naspru. Għamel ftit naspru fuq l-aktar parti għolja tal-figolla, iġifieri fin-nofs. Kif tagħmel hekk tinduna li dan jinfirex waħdu u li ma hemmx għalfejn tferrxu. Iżda jekk tara li ma jkunx qed jilħaq il-wiċċ kollu tal-figolla trid tgħinu ftit. Trid tagħmlu malajr għax in-naspru jiksħ u jibbies wara 4 minuti.

5. Meta tara li n-naspru jkun nixef sew neħħi minn fuq il-wire tray u poġġiha fuq platt, kemm jista jkun ċatt, biex tibda d-disinn.

6. Dak in naspru li jaqa fuq il-mejda int u tiski l-figolla, erġa iġbru, poġġih f’ kazzola u erġa dewwbu.

Dekorazzjoni biċ-ċikkulata

Iċ-ċikkulata hija forsi aktar faċli biex biha żżejjen il-figolli, imma ngħid il-verità hija wisq il-bogħod min dak li huwa tradizzjonali. Hawn ħafna li jaħsbu li hija xi ħaġa ħafia u li tagħmilha malajr, il-kisja tal-figolli biċ-ċikkulata. Iżda din hija ħafna bogħod mill- verità. Trid toqgħod attenta ħafna.

Poġġi l-figolla jew fuq wire tray jew inkella fuq mejda nadifa. Importanti ħafna: Jekk iċ-ċikkulata tissaħħan iżżejjed ir-riżultat ikun ċikkulata matta u li tinqasam mill-wiċċ.

Metodu

1. Dewweb iċ-ċikkulata ġo skutella tal-plastic, jew ħġieġ u saħħan ftit ġo microwave. Ħawwad b’ imgħarfa ta’ l-injam. Trid tħawwad sewwa biex iċ-ċikkulata tibda ddub.

2. Erġa saħħan għal ftit sekondi u kompli ħawwad sakemm iċ-ċikkulata ddub sewwa.

3. Tista ddewweb iċ-ċikkulata wkoll banju marija. Jiġifieri tpoġġi skutella fuq borma bil-misħun. Importanti li l-misħun ma jidħolx ġo l-iskutella u ma tgħattix b’xi għatu għax jekk jidħol l-ilma jew fwar iċ-ċikkulata tibbies. QATT U QATT ma għandek iżżid xejn fuq iċ-ċikkulata bħal: ħalib, krema, butir jew zokkor.

4. Ħawwad sewwa u jekk tara li hemm bżonn neħħi minn fuq in-nar u ħawwad. Iċ-ċikkulata trid tkun imdewba tajba.

5. Biex tiksi biċ-ċikkulata trid tagħmel l-istess bħan-naspru.

6. Għamel ftit ċikkulata fuq l-aktar parti għolja tal-figolla, iġifieri fin-nofs. Kif tagħmel hekk tinduna li din tinfirex waħedha u li ma hemmx għalfejn tferrixha. Iżda jekk tara li ma tkunx qed jilħaq il-wiċċ kollu tal-figolla trid tgħinha ftit billi tuża palette knife u tkompli tferrex iċ-ċikkulata.

7. Meta ċ-ċikkulata tkun ibbieset jekk trid tista tpoġġi l-figolla fil-friża biex tiġi tleqq.

8. Dik iċ-ċikkulata li taqa fuq il-mejda int u tiski l-figolla, erġa iġborha, poġġiha f’ kazzola u erġa dewwibha.

ŻEJJEN IL-FIGOLLA

Ibda żejjen il-figolla skont il-gosti tiegħek jew bir Royal icing jew biċ-ċikkulata.

Tiżjin bir-Royal Icing

Ingredjenti

Royal icing

320g icing sugar
2 abjad tal-bajd
ftit qtar tal-lumi

Metodu

1. Ġo bieqja għarbel l-icing sugar.

2. Ġo bieqja oħra qiegħed l-abjad tal-bajd u ibda ħaddmu sakemm isir xkuma. Huwa mportanti ħafna li sew il-bieqja kif ukoll jew il-whisk jew l-electric beater ikunu ndaf ħafna. Għax inkella l-ixkuma ma titlax.

3. Żid iz-zokkor u kompli ħaddem sewwa.

4. Żid ftit qtar tal-lumi. Ma tridx iżżid ħafna għax inkella l-icing jiġi artab wisq. Importanti li r-Royal Icing ikun wieqaf biżżejjed biex tkun tista tagħmlu fuq il-figolla permezz ta’ piping bag.

Tiżjin biċ-Ċikkulata

Jekk se żżejjen il-figolla biċ-ċikkulata, trid iddewweb iċ-ċikkulata bil-mod kif ġie spjegat aktar ‘il fuq.

Ikun ta’ siwi kbir li titgħallem tagħmel piping bag żgħir tal-karti oljati:

Aqta karta oljata skond id disinn.

Qiegħed sugħbajk fuq ittra B.

Ibda mill ittra A.

Ġieb din ma D.

Kebbeb waqt li tibqa żżomm B sakemm dawk ta’ A u D jiġu ma’ C.

Kebbeb fuq biex ma jinfetaħx.

Imla l-piping bag bir-royal icing jew ċikkulata. Qatt ma trid timliħ sax-xifer.

Kebbeb ix-xifer ta’ fuq.

Ħu imqass u bih aqta l-ponta skond kemm inti tridha kbira. Skont il-kobor tal-ponta ikollok icing jew ċikkulata f’ linji rqaq jew ħoxnin.

Żejjen skont il-gosti tiegħek.