Ħjar Mimli

Nota: L-aħjar tip ta’ ġobon artab li tista’ tuża hu dak li jkollu xi ħwawar imħalltin miegħu. Illum issib ġobon artab imħallat bit-tewm, żebbuġ, taħlita ta’ ħwawar, salamun eċċ. Jekk ma ssibx, tista’ żżid int stess xi ħwawar tal-gosti tiegħek. Qis li jkunu mqattgħin rqaq ħafna.

Ingredjenti

ħjar
ġobon artab
mascarpone
żebbuġ iswed u aħdar imqatta’ f’biċċiet żgħar
ħwawar tal-gosti tiegħek… jekk trid
bżar mitħun frisk u ftit melħ

Metodu

  • Aħsel il-ħjar u xxuttah tajjeb.
  • Aqta’ biċċa ħjara mit-tul b’vegetable peeler. Jekk il-ħjara tinzerta twila ħafna, aqsam il-biċċa li tkun qtajt min-nofs.
  • Ħallat flimkien il-ġobon artab u l-mascarpone ġo skutella u roxx ftit bżar u melħ. Jekk se żżid xi ħwawar, żidhom issa. Ħawwad tajjeb l-ingredjenti flimkien.
  • Qiegħed il-biċċa ħjara fuq platt ċatt. Idlek bit-taħlita tal-ġobon u gerbeb il-ħjara qisha kannol (ara r-ritratt).
  • Żejjen biż-żebbuġ fil-wiċċ u daħħal stikkadenti fin-nofs ta’ kull waħda biex ma tinfetaħx.
  • Qiegħed fil-friġġ u oħroġ fl-aħħar ħin qabel isservi.
Shopping Basket