Insalata Coleslaw

Il-kelma ‘coleslaw’ bdiet tintuża fis-seklu 18 u ġejja mill-kelma Olandiża ‘koolsla’ li tfisser insalata tal-kaboċċi. Ġiet introdotta fl-Ingilterra mill-Irlanda. Ġeneralment, din l-insalata kienet titħejja fl-aħħar tax-xahar u għaliha kien jintuża l-ħaxix kollu li kien jibqa’ kif ukoll krema friska.
Illum il-ġurnata hawn ħafna verżjonijiet ta’ din ir-riċetta. Kull pajjiż iżid dak li jrid u jixtieq. Din l-insalata, minbarra li tisserva kemm mal-ħut kif ukoll mal-laħam, hi tajba wkoll bħala mili ta’ xi sandwich jew panina jew ftira. Billi llum kulħadd sar konxju mis-saħħa fl-ikel li nieklu, hawn min juża l-jogurt minflok il-mayonnaise.

Ingredjenti

nofs kaboċċa
ftit karrotti
basla
qarabagħli… irid ikun frisk
jogurt plain
mustarda
żejt taż-żebbuġa… l-aħjar li tuża extra virgin
bżar mitħun frisk u melħ

Metodu

  • Qatta’ l-weraq tal-kaboċċa rqaq ħafna bl-użu ta’ food processor jew mixer. Poġġihom ġo skutella bl-ilma.
  • Qatta’ l-karrotti fi strixxi rqaq. Fil-każ tal-karrotti tista’ tuża mħakka. Poġġihom fl-ilma flimkien mal-kaboċċi.
  • Aħsel tajjeb il-qarabagħli u qattgħu f’biċċiet żgħar ħafna. Poġġih fl-ilma mal-kaboċċi u l-karrotti.
  • Qatta’ l-basal u żidu mal-bqija tal-ħaxix fl-ilma. Tista’ żżid xi ħaxix ieħor li tiggosta.
  • Neħħi l-ħaxix imqatta’ mill-ilma u qattru sew. Importanti li tixxuttah tajjeb għax inkella l-jogurt ma jaqbadx.
  • Qiegħed il-ħaxix fid-dixx fejn se sservi l-insalata. Żid ftit jogurt u żejt taż-żebbuġa u roxx ftit bżar u melħ. Ħawwad tajjeb kollox flimkien.
  • Jekk trid tista’ żżid ukoll taħlita ta’ ħwawar friski tal-gosti tiegħek.
Shopping Basket