Kannelloni Mimlija bl-Irkotta u Spinaċi

Nota: Dan huwa dixx li tista’ tlestih minn ġurnata qabel, tgħattih bl-istretch and seal u żżommu fil-friġġ. L-għada kemm tneħħi l-istretch and seal u ssajjru ġo forn sħun.

Ingredjenti

żewg kannelloni għal kull persuna
kilo irkotta
kilo spinaċi msajra
3 bajdiet
noċemuskata maħkuka friska
melħ u bżar mitħun frisk
120g ġobon maħkuk. L-aħjar ġobon li tuża hu Grana Padano.

Għall Béchamel

litru ħalib
60g dqiq
60g marġerina
melħ u bżar mitħun frisk

Metodu

  • Jekk se tuża spinaċi friska; qis li tnaddafha u taħsilha tajjeb qabel issajjarha. Meta tkun saret, saffiha u qattagħha f’biċċiet żgħar. Jekk se tuża spinaċi tal-friża, l-ewwel tħalliha toqgħod sakemm tinżel il-friża u wara qattagħha f’biċċiet żgħar.
  • Qiegħed l-irkotta ġo skutella kbira u għaffiġha tajjeb. Magħha żid nofs il-ġobon maħkuk, l-ispinaċi mqattgħa f’biċċiet u ħokk ftit noċemuskata friska. Roxx ftit melħ u bżar u ħawwad tajjeb.
  • Ixgħel il-forn 1800C, gass numru 4. Idlek il-qiegħ ta’ dixx tal-forn bi ftit żejt.
  • Imla l-kannelloni bit-taħlita tal-irkotta u l-ispinaċi u poġġihom fuq platt kbir u ċatt.
  • Ipprepara l-béchamel. Ferra’ l-ħalib ġo kazzola u agħmlu fuq nar moderat sakemm jiftaħ jagħli. Kif jagħli, itfi n-nar u żommu fis-sħana.
  • Dewweb il-marġerina ġo kazzola oħra. Baxxi n-nar u żid id-dqiq ftit, ftit filwaqt li tħawwad il-ħin kollu.
  • Meta tkun żidt id-dqiq kollu neħħi minn fuq in-nar u żid il-ħalib ftit, ftit. Ibqa ħawwad il-ħin kollu.
  • Erġa’ qiegħed il-kazzola fuq nar moderat. Roxx ftit meħ u bżar u ħawwad tajjeb. Baxxi n-nar u kompli sajjar għal ftit minuti oħra. Ibqa’ ħawwad il-ħin kollu.
  • Agħmel ftit béchamel fil-qiegħ tad-dixx tal-forn. Irranġa l-kannelloni wieħed ħdejn l-ieħor. Trosshomx ħafna ħdejn xulxin, għax inkella ma jkunx hemm fejn toqgħod il- béchamel.
  • Meta tkun poġġejt il-kannelloni kollha, ferra’ l-bqija tal-béchamel u roxx il-kumplament tal-ġobon. Erġa roxx ftit bżar u nuċimuskata maħkuka fil-wiċċ, dejjem jekk tiggosta.
  • Ħalli dan id-dixx joqgħod għal madwar siegħa qabel issajjru.
  • Sajjar fil-forn għal madwar 40-50 minuta.
Shopping Basket