Lasagne bil-Brokkoli u Gorgonzola Dolce

Ingredjenti

500g għaġina tal-lasagne
400g brokkoli
350g gorgonzola dolce. Il-ġobon trid tqattgħu f’biċċiet kwadri żgħar, forma ta’ dadi.
50g ġobon Parmiġġjan maħkuk
20g żejt taż-żebbuġa
30g butir
2dl krema (panna)
2dl ilma
dada tal-ħaxix
basla mdaqqsa
melħ u bżar midħun frisk

Metodu

  • Aħsel tajjeb il-brokkoli u qattagħhom fi fjuretti. Imla borma bil-misħun u meta jiftaħ jagħli għalli l-fjuri tal-brokkoli. Warrab ftit biex iżżejjen u l-bqija għaffiġhom.
  • Qaxxar u qatta l-basla f’biċċiet żgħar.
  • Ġo kazzola kbira saħħan ftit mil-butir u ġo fih qalli ftit il-basla. Żid il-brokkoli u qalli għal madwar 10 minuti. Trid tħawwad il-ħin kollu. Żid ftit melħ u bżar.
  • Qiegħed l-ilma ġo kazzola u meta jiftaħ jagħli żid id-dada tal-ħaxix u l-krema. Baxxi n-nar u ħalli fuq in-nar sakemm it-taħlita tibda taqgħad. Jekk trid tista żżid ftit bżar ieħor. Trid tagħmel attenzjoni biex il-krema ma taqgħadx ħafna. Dan għaliex jekk tkun maqgħuda ma tkunx tista tferrixha fuq il-lasagne.
  • Ixgħel il-forn 180°C, Gass numru 4-5.
  • Ħu dixx tal-forn u idilku bi ftit żejt. Poġġi saff ta’ l-għaġin fil-qiegħ tad-dixx.
  • Fuq l-għaġin ferrex ftit mit-taħlita tal-brokkli, ftit mid-dadi tal-ġobon, ftit mil-krema u ftit ġobon maħkuk.
  • Kompli għamel hekk sakemm tkun użajt l-ingredjenti kollha. Fuq nett trid tagħmel saff għaġin u fuqu għamel il-bqija tal-butir. Fil-wiċċ roxx ftit ġobon maħkuk u qiegħed il-fjuretti tal-brokkoli li tkun ħallejt.
  • Sajjar fil-forn għal madwar 25 minuta.
Shopping Basket