Open Sandwiches

Li tkun taf x’inhuma l-gosti tal-membri tal-familja tiegħek kif ukoll tagħraf tuża l-immaġinazzjoni tiegħek huma żewġ mezzi li jgħinuk sabiex ikollok taħlita ta’ ikel differenti, ikkulurit u fuq kollox appetituż.

 

Dawn it-tipi ta’ sandwiches tista’ sservihom kemm sħan kif ukoll kesħin; jiddependi ħafna mill-ingredjenti li tkun użajt. Huma tajbin biex jisservew kemm waqt xi riċeviment kif ukoll xi barbikju.

 

L-ingredjent prinċipali hu l-ħobż.  Tista’ tagħżel minn: bziezen żgħar maqsumin min-nofs, slajsis ħoxnin ta’ baguette kif ukoll bezzun tal-Malti.  Tista’ saħansitra tixwihom jew tpoġġihom taħt il-grilja għal ftit ħin. F’dan il-każ qatt m’għandek iddewwimhom ħafna għax jibbiesu u ma jkunux tajbin.

 

 

Bis-Salamun Affumikat

Idlek il-ħobż bil-ġobon artab.  Qiegħed is-slajsis tal-salamun fuqu.  Żejjen biż-żebbuġ iswed u ftit weraq tal-aruka.

 

Bil-Ġobon

Qiegħed slajs ġobon fil-wiċċ.  Tista’ tuża ġobon ta’ liema kwalità trid; l-importanti hu li jdub faċilment.  Poġġi slajsis tat-tadam u tal-basal fuq il-ġobon.  Ferrex ftit rignu u roxx ftit bżar u melħ.  Sajjar fil-forn jew taħt il-grilja sakemm idub il-ġobon.

 

Bis-Salami

Qiegħed slajsis tas-salami mrikkbin fil-wiċċ.  Is-salami jrid ikun maqtugħ irqiq ħafna.  Żid slajs ħjara u slajs tadama u żejjen bit-tursin.

 

Bil-Perżut

Iksi l-ħobż bl-aruka.  Poġġi slajsis tal-perżut fuqha.  Kull slajs trid titwih min-nofs.  Agħmel ftit slajsis tat-tadam u basal mill-aħmar fuq il-perżut u servi mal-patata crisps.

 

Bil-Ħaxix

Ferrex ftit zalza tat-tadam fuq kull slajs ħobż.  Qiegħed taħlita ta’ ħaxix fuq iz-zalza.  Importanti li l-ħaxix ikun maqtugħ żgħir ħafna u msajjar għal ftit ħin.  Jekk se sservihom kesħin, ferra’ ftit żejt taż-żebbuġa fil-wiċċ u roxx ftit bżar u melħ.  Jekk se sservihom sħan, ħokk ftit mozzarella u saħħan taħt il-grilja jew fil-forn sakemm idub il-ġobon.