Profiteroles bil-Krema Ħelwa

Il-profiterole, jew cream-puff kif isejħulha fl-Amerika, hi għaġina choux f’forma ta’ ballun mimlija bil-krema jew ġelat. Il-krema tista’ tkun kemm ħelwa kif ukoll magħmula minn ġobon u ingredjenti oħrajn tal-ikel. Meta l-forma tkun tawwalija tissejjaħ éclair. Ġeneralment, l-éclairs ikunu mimlijin bil-krema taċ-ċikkulata jew krema pastiċċiera u jkunu miksijin biċ-ċikkulata mdewba jew fondant fil-wiċċ.

Ingredjenti

għaġina choux … skont ir-riċetta ‘Għaġina Choux’
krema friska mħabbta jew krema pastiċċiera jew krema taċ-ċikkulata
ftit ġamm tal-gosti tiegħek… jekk trid
icing sugar jew ċikkulata mdewba

Metodu

  • Saħħan il-forn 2000C-2200C, gass numru 6-7.
  • Iksi pjanċa tal-forn b’karta tal-forn li tkun ftit umda.
  • Imla piping bag bit-taħlita tal-għaġina.
  • Agħmel forom żgħar u tondi fuq il-pjanċa. Ħalli spazju ta’ madwar 2ċm bejn waħda u l-oħra.
  • Sajjar fil-forn għal 15-20 minuta jew sakemm il-forom ikunu għolew sew u ħadu kulur dehbi sabiħ. Importanti li kollha jkunu ħadu l-kulur, inkella jinżlu ftit wara li joħorġu mill-forn.
  • Neħħi l-forom mill-forn u ħallihom jibirdu sew fuq xibka tal-ħadid.
  • Sadanittant, ħabbat il-krema li tkun se tuża.
  • Meta l-forom ikunu kesħu sew, aqsamhom min-nofs.
  • Jekk trid agħmel FTIT ġamm fil-qiegħ ta’ kull forma. Imla l-forom bil-krema u roxx ftit icing sugar fil-wiċċ. Minflok, tista’ tiksihom biċ-ċikkulata mdewba.
Shopping Basket