Pulpetti tat-Tiġieġ

Bi ftit tibdil, dan id-dixx ikun tajjeb kemm għal dawk li huma dijabetiċi kif ukoll għal dawk li huma bid-dieta.  Minflok issajjar il-pulpetti fiz-zalza, issajjarhom fil-brodu tagħhom stess.

 

 

Ingredjenti għall-Pulpetti

 

600g kapuljat tat-tiġieġ

6g ġobon maħkuk

2 bajdiet

smid

bżar mitħun frisk u melħ

 

Ingredjenti għaz-Zalza

 

2 kg tadam artab li jkun tajjeb għaz-zalza

200g basal

tewm... skont kemm tiggosta

ħabaq frisk imqatta’ rqiq ħafna

żejt taż-żebbuġa

 

 

Metodu

 

  • Qiegħed il-kapuljat tat-tiġieġ ġo skutella u żid il-bajd u t-tursin miegħu.  Roxx il-bżar u l-melħ u ħawwad tajjeb sakemm it-taħlita ssir ħaġa waħda.

 

  • Ifforma l-pulpetti b’din it-taħlita u għaddihom mis-smid imferrex fuq platt ċatt.

 

  • Ixgħel il-forn 1800 C, gass numru 4.

 

  • Għal min mhux se jsajjar il-pulpetti fiz-zalza:  Poġġi kazzola bl-ilma fuq in-nar.  Meta l-ilma jiftaħ jagħli, għalli l-pulpetti għal madwar 20 minuta.  Tella’ l-pulpetti mill-ilma  bi xkumatur biex ma jitfarrkux.

 

Għaz-zalza

 

  • Qaxxar it-tewm u l-basal u qattagħhom f’biċċiet żgħar.

 

  • Aħsel tajjeb it-tadam u aqsmu min-nofs.

 

  • Poġġih ġo borma mdaqqsa u agħmlu fuq nar moderat sakemm jisħon tajjeb.

 

  • Baxxi n-nar, għatti l-borma bl-għatu u kompli sajjar għal 15-il minuta.

 

  • Neħħi l-għatu, ħawwad tajjeb u kompli sajjar sakemm it-tadam jirtab ħafna.  Kultant ħawwad u għaffeġ it-tadam.

 

  • Sadanittant, saħħan ftit żejt ġo taġen kbir u qalli t-tewm u l-basal. Ħawwad il-ħin kollu.  Baxxi n-nar u kompli sajjar dejjem fuq nar baxx.  Ħawwad ta’ spiss.

 

  • Żid it-tadam u l-ħabaq u ħawwad tajjeb.  Kompli sajjar għal madwar 20 minuta u ħawwad ta’ spiss.

 

  • Itħan iz-zalza bi blender jew għaddiha minn passe-purée u ferragħha ġo dixx taċ-ċaqquf.

 

  • Qiegħed il-pulpetti nejjin ġo din iz-zalza.  Tagħmilhomx imissu ma’ xulxin.

 

  • Sajjar fil-forn għal madwar 30-40 minuta.

 

  • Servi flimkien ma’ ross jew ħaxix mgħolli.