Rout Biscuits

Dawn huma tip ta’ pastini tal-lewż li jridu joqogħdu għal żmien twil qabel jissajru.  Dan għax iridu jinxfu qabel iddaħħalhom fil-forn biex ma jitilfux il-forma tagħhom waqt is-sajran.  Il-forn irid ikun sħun ħafna ħalli huma kemm jieħdu dak il-kulur dehbi sabiħ u mhux jinxfu bħall-pastini tal-lewż li nagħmlu s-soltu.  Ġeneralment, jisservew wara l-ikel mal-kafè. Jekk tagħmilhom għal żmien il-Milied, tista’ tpoġġihom ġo kaxxi żgħar u tagħtihom bħala rigal.

 

 

Ingredjenti

 

240g lewż mitħun (intrita pura)

240g icing sugar

2 abjad tal-bajd

qoxra ta’ lumija maħkuka

ftit essenza tal-lewż

 

 

Metodu

 

  • Ixgħel il-forn 2500C, gass numru 8-9.  IMPORTANTI ĦAFNA:  Il-forn għandu jinxtegħel NOFS SIEGĦA qabel taħmi l-pastini.  Iksi l-qiegħ ta’ pjanċa tal-forn b’karta tal-forn.

 

  • Qiegħed l-ingredjenti kollha ġo skutella u ħaddimhom sakemm it-taħlita ssir qisha għaġina lixxa.  Qis li meta tkun qed iżżid l-essenza tal-lewż, tagħmel biss FTIT qtar għax inkella l-pastini jiġu morri.

 

  • Aqsam din l-għaġina fi blalen żgħar u agħfas kull ballun ftit ’l isfel.  Jekk trid tista’ tagħtihom forom differenti: ċatti, tawwalin jew tondi.

 

  • Ħalli l-pastini joqogħdu għal mhux anqas minn 6 sigħat.  L-aħjar hu li tħallihom jistrieħu tul lejl sħiħ.

 

  • Aħmi ġol-forn jaħraq għal madwar 3-4 minuti jew sakemm jiħmaru ftit.  Tħallihomx jiħmaru ħafna.

 

  • Meta jsiru, tista’ troxx ftit icing sugar fuqhom. Inkella iksihom biċ-ċikkulata mdewba.

 

 

IMPORTANTI:  Agħmel attenzjoni kbira waqt is-sajran.  Il-pastini jridu jsiru biss minn barra filwaqt li jibqgħu rotob minn ġewwa.

 

Jekk taħseb li l-pastini għadhom ma sarux meta toħroġhom mill-forn, tkomplix issajjarhom. Inkella tant jibbiesu li ma jkunux jistgħu jittieklu.