Torta tat-Tuffieħ

Ingredjenti għall-Għaġina Ħelwa

480g dqiq plain
300g marġerina
120g zokkor
bajda
ftit qoxra ta’ lumija maħkuka

Għall-Mili

1kg tuffieħ mill-aħdar
200g sultana
150g zokkor ismar
imsiemer tal-qronfol mitħunin
bajda mħabbta

Metodu

  • Għarbel id-dqiq għal darbtejn ġo skutella.
  • Żid il-marġerina u ħaddem. Uża l-ganċ jekk se tħaddem bil-mixer. Jekk se tagħmilha b’idejk, ħaddem sew bejn idejk sakemm it-taħlita tiġi qisha ramel.
  • Ħaddem tajjeb iz-zokkor u l-bajda ġo skutella oħra. Żid il-qoxra tal-lumija u erġa’ ħawwad.
  • Żid din it-taħlita fuq id-dqiq u għaqqad. Ħaddem biss għal ftit minuti.
  • Ifforma l-għaġina f’forma ta’ ballun. Iżżidx dqiq. Gerbeb fl-istretch and seal u poġġiha fil-friġġ sakemm tiġi biex tużaha. Tista’ tlesti din l-għaġina minn ġurnata qabel u tħalliha fil-friġġ.
  • Ixgħel il-forn 2000C, gass numru 6.
  • Idlek dixx tat-torti b’dijametru ta’ 24ċm bi ftit marġerina u għaddih ħafif bid-dqiq.
  • Qaxxar it-tuffieħ u qattgħu f’biċċiet imdaqqsin. Poġġi t-tuffieħ imqatta’ ġo skutella u ferrex iz-zokkor u s-sultana fuqu. Roxx l-imsiemer tal-qronfol mitħunin u ħawwad sew mingħajr ma tfarrak it-tuffieħ.
  • Roxx ftit dqiq fuq il-mejda tal-kċina u iftaħ nofs l-għaġina. Iksi l-qiegħ u l-ġnub tad-dixx. Imla l-forma bit-taħlita tat-tuffieħ. Idlek ix-xfar tal-għaġina bil-bajda mħabbta.
  • Iftaħ il-bqija tal-għaġina u għatti t-torta biha. Agħmel ftit xquq fil-wiċċ biex il-fwar ikun jista’ joħroġ u b’hekk l-għaġina ma tirtabx.
  • Idlek il-wiċċ tat-torta bil-bqija tal-bajda mħabbta u roxx ftit zokkor.
  • Aħmi għal 35-40 minuta jew sakemm l-għaġina tieħu kulur dehbi. Ħalli t-torta toqgħod għal ftit minuti fil-forma qabel tneħħiha u tpoġġiha fuq xibka tal-ħadid.
  • Din it-torta bnina tittiekel kemm fietla kif ukoll kiesħa.
Shopping Basket